28/05/2026
Min munita, min ċapċipa u min €7,000
Il-UĦM Voice of the Workers tieħu gost tisma’ li l-ħaddiema tax-xatt se jkunu qed jingħataw
€7,000 li, skont kliem il-Prim Ministru, huma “bħala sinjal ta’ rikonoxximent għal perjodu ta’
sfida tal-Covid”. Bla dubju ta’ xejn, id-domanda li din il-Union tagħmel lill-Prim Ministru hija:
x’se tkun qed tagħtihom lill-ħaddiema kollha l-oħra li ħadmu bla heda wkoll waqt l-istess
pandemija? Lista li, fost l-oħrajn, tinkorpora dawn il-ħaddiema li ġejjin:
Ħaddiema tal-Freeport, formen tax-xatt, tal-VGT, Viset, Virtu Ferries, ħaddiema tad-Dwana, xufiera tal-Malta Public Transport, ħaddiema ta’ Transport Malta, ħaddiema tal-Gozo Channel, ħaddiema fil-qasam soċjali, FSWS, SCSA, Sapport, Sedqa u Caritas, u tant ħaddiema fil-qasam tas-saħħa bħal Allied Health Professionals, Environmental Health Officers, Emergency Ambulance Responders, tobba u nurses, u aktar kategoriji ta’ nies tekniċi fl-isptarijiet tagħna.
Żgur illi statements bħal dawn m’għandhomx isiru jumejn qabel elezzjoni ġenerali, fejn issa
għandek eluf ta’ ħaddiema jistaqsu għaliex huma messhom ċapċipa jew munita biss, u xejn qrib €7,000.
Ovvjament, qed isir tentattiv biex issa din l-istorja tingħata xeħta oħra, dik illi l-ammont ta’ €3 miljun se joħroġ mill-Pensions and Contingency Fund, liema fond jappartjeni għallħaddiema kollha tax-xatt liċenzjati, irrispettivament f’liema union qegħdin. Jekk verament joħorġu minn dan il-fond mingħajr l-ebda għajnuna mill-Gvern, allura din l-aħbar hija daħka f’wiċċ il-ħaddiem tax-xatt, għaliex il-flus tal-fond huma diġà tagħhom, u veru ma tagħmilx sens li l-Prim Ministru jiftaħar b’ħwejjeġ ħaddieħor.
Ovvjament, dan huwa dak li tieħu meta kollox isir fil-frenesija ta’ jumejn qabel l-elezzjoni.