L-għan ewlieni tal-Għaqda hu li l-membri fi ħdanha jieħdu ħsieb li jarmaw l-armar fit-toroq tal-parroċċa fi żmien il-festa tal-patrun tagħna San Sebastjan u li jieħdu ħsiebu matul is-sena. L-impenn tal-membri, mhuwiex dan biss.. L-istess membri jieħdu ħsieb li jarmaw it-toroq fi żmien il-Milied, il-festa liturġika, żmien l-Għid, flimkien ma’ festi u anniversarji oħra importanti fil-parroċċa tagħna. Permezz ta’ dan, l-armar qed iservi ta’ komunikazzjoni mal-parruċċani u ma’ dawk kollha li jgħaddu mill-inħawi tal-parroċċa tagħna. Tul dawn is-snin ta’ ħidma sa mit-twaqqif tagħha, nistgħu ngħidu li llum għandna armar artistiku u li jitgawda fil-jiem tal-festa li taħbat fit-tielet ġimgħa ta’ Lulju. B’dan l-impenn komplejna nagħmlu ġieħ lill-parroċċa tagħna u lil belta. Apparti hekk, peress li l-armar kompla żdied ġmielu, inbnew żewġ imħażen. L-Għaqda ħadet ħsieb li tixtri t-tielet post li ser ikun qed iservi ta’ maħżen ieħor għall-ħtiġijiet tal-Għaqda. Dan kollu hu sforz il-ħidma volontarja mill-membri tal-Għaqda, l-għajnuna tal-benefatturi u tal-parruċċani kollha. Iżda biex ikompli dan kollu, hemm bżonn li r-riżors tal-volontarjat jibqa’ attiv fl-Għaqda tagħna. Għalhekk min jixtieq joffri jew jitgħallem xi ħaġa ġdida ma jiddejjaq xejn milli javviċina lil xi ħadd mill-membri jew jinżel sal-maħżen ewlieni tagħna. Ma’ dan, hemm bżonn is-sostenn finanzjarju. Għalhekk inħeġġek tkun ġeneruż sabiex id-diversi proġetti li hemm mibdijin u oħrajn ġodda jkunu jistgħu jitkomplew u jitwettqu.