21/10/2026
Ilbieraħ, it-Tlieta 20 ta’ Ottubru 2026, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp Ħal Għaxaq, permezz tal-Kummissjonijiet kollha tagħha flimkien mal-Fratellanza San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq tat l-aħħar tislima lill-President Onorarju tagħha Grezzju Abela magħruf bħala Sinu.
Is-Soċjetà Ġużeppina qamet għall-okkażjoni biex tagħti ftit lura mill-ħafna li rċeviet mingħand Sinu. Il-gratitudni tal-Għaqda Ġużeppina dehret biċ-ċar b’waħda mill-akbar attendenzi li qatt rat il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Għaxaq, b’quddiesa tant sabiħa li fiha kkonċelebraw diversi saċerdoti li kienu marbuta mar-raħal tagħna, u b’omelija minsuġa mill-Kappillan tar-raħal, Dun Anton D’Amato.
Wara l-quddiesa kien imiss lill-Banda San Ġużepp li takkumpanja l-korteo funebri b’marċi funebri li Grezzju wkoll kien tant iħobb. Wara l-banda akkumpanjat il-Fratellanza ta’ San Ġużepp, permezz tal-fratelli Ġużeppini li ġew bi ħġarhom biex isellmu lil Grezzju, li għal 34 sena sħaħ kien Rettur tal-istess Fratellanza. Ma’ dan kollu, l-Għaqda tan-Nar ħarqet salut biex ukoll issellem lil wieħed mill-membri tagħha li tant ħadem u stinka matul is-snin.
L-Għaqda Mużikali San Ġużepp tixtieq tirringrazzja lill-Għaqda Mużikali Santa Marija li akkumpanjat il-korteo permezz tal-membri tal-Kumitat u anke bl-istandard tas-Soċjetà. Ringrazzjament ukoll lill-Għaqdiet Mużikali qrib is-Soċjetà tagħna li akkumpanjaw bl-istandards tagħhom, u lid-diversi Għaqdiet Mużikali li bagħtu rappreżentanza għal dan il-funeral. Ringrazzjament ukoll lil diversi Għaqdiet tan-Nar minn madwar Malta u Għawdex li bagħtu l-kondoljanzi permezz ta’ ittri, fjuri u messaġġi fuq id-diversi siti soċjali tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp terġa’ tagħti l-kondoljanzi lill-familjari kollha ta’ Grezzju Abela. San Ġużepp, żommu fi ħdanek, u l-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.
Grazzi ta’ kollox, Sinu. Strieħ fis-sliem.