25/05/2026
Il-bieraħ filgħodu saret il-ħarġa għall-membri fil-Knisja Kolleġġjata Matriċi ta' San Lawrenz fil-Birgu, kif ukoll fil-Mużew tal-Oratorju ta' San Ġużepp li jinsab qribha.
L-attivita' bdiet b'quddiesa fl-istess knisja fit-8.30 am li matulha, għadd ta' adoloxxenti għamlu t-talba formali biex jirċievu l-Griżma tal-Isqof. Matul din il-quddiesa, iċċelebrata mill-Arċipriet il-Kan. Carmelo Busuttil, il-membri tal-Kumitat Carmel Navarro u Kevin Muscat tellgħu l-offerti f'isem l-Għaqda.
Wara l-quddiesa, saret dawra mal-Knisja, Sagristija u Awla Kapitulari, fejn kellna spjegazzjoni mill-iktar dettaljata mis-Sinjura Anna Maria Pisani dwar il-ġmiel ur-rikkezzi li nsibu f'dawn il-postijiet. Wara li żar il-knisja, il-grupp mar fl-Oratorju ta' San Ġużepp fejn ingħata tagħrif interessanti mis-Sur Manwel Pisani (ir-raġel ta' Anna Maria u membru fl-Għaqda), fosthom fuq il-kappell ux-xabla tal-Granmastru La Valette, li jinsabu konservati hawn.
Nirringrazzjaw lis-Sinjuri Pisani talli dawru u spjegaw b'mod tajjeb ħafna lil dawk preżenti, kif ukoll lill-membri kollha li ġew. Kien ta' gost għalina li kien hemm numru tajjeb ta' membri f'din il-ħarġa u nawguraw li dan in-numru jkompli jikber f'attivitajiet oħra.
Ritratti tal-membru tal-Kumitat Josef Cutajar (Capturas Photography)