04/10/2026
Programm Vokali u Mużikali mill-Banda Ċittadina Sliema fl-okkażjoni tat-800 Anniversarju mill-Mewt ta’ San Franġisk.
Fl-okkażjoni tat-800 anniversarju mill-Mewt ta’ San Franġisk t’Assisi, Patrun tal-Patrijiet Franġiskani, is-Soċjetà Filarmonika Sliema, flimkien mal-Komunità Franġiskana tal-Parroċċa Santwarju Madonna tas-Sacro Cuor, ippreżentat Programm Vokali u Mużikali Speċjali ddedikat għal din l-okkażjoni.
Il-programm ittella’ nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru fis-7.30pm, fis-Santwarju Madonna tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema, u ttella’ wkoll bħala parti mill-attivitajiet organizzati fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk, li tiġi ċċelebrata ta’ kull sena f’din il-Parroċċa fil-bidu ta’ Ottubru.
Dan l-avveniment ittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.
Il-Programm kien esegwit mill-Banda Ċittadina Sliema, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Lesley Tabone, bis-sehem tas-soprano Gabrielle Portelli.
Waqt dan il-kunċert kienet ukoll esebita wkoll il-Bandalora Franġiskana, li kienet ingħatat lis-Soċjetà Filarmonika Sliema 100 sena ilu, fl-1926, mill-Patrijiet Franġiskani fl-okkażjoni tas-7 Ċentinarju mill-mewt ta’ San Franġisk.
Din il-Bandalora hija xhieda ta’ rabta storika u ta’ ħbiberija li ilha teżisti għal għexieren ta’ snin bejn il-Patrijiet Franġiskani u s-Soċjetà Filarmonika Sliema, u tirrappreżenta wkoll turija ta’ rispett reċiproku bejn iż-żewġ entitajiet. Fuq il-Bandalora tidher l-iskrizzjoni “Alla Filarmonica Sliema 1926”, flimkien mal-arma Franġiskana fiċ-ċentru u kitba li tfakkar din l-okkażjoni storika.
Il-Programm li kien ippreżentat mis-Sur Mario Fenech fetaħ bil-“Commemoration Overture” ta’ Robert Sheldon. Wara smajna is-silta “Benedictus” ta’ Karl Jenkins b’arranġament għall-banda mil-mibki Mro Aurelio Belli. Solista fuq l-Althorn kien Wayne Dimech.
Wara ndaqqet l-“Għanja tal-Ħlejjaq” kompożizzjoni ta’ Mro Joseph Galea. F’din is-silta dderieġa l-Banda Sliema l-istess Mro Joseph Galea, Surmast Onorarju ta’ din is-Soċjetà kif ukoll ex-Surmast Direttur. Flimkien mal-banda kantat is-soprano Gabrielle Portelli.
Il-programm kompla bl-“Arie Immortali” selezzjoni ta’ Giacomo Puccini b’arranġament għall-banda minn Mro Michael Pirotta ; “The Pacific” ta’ Hans Zimmer u Blake Neely b’arranġament ta’ Ted Ricketts u silta “Eulogy” kompożizzjoni ta’ Mro. Neville Pace
Wara smajna 2 Antifoni ta’ San Franġisk “Salve Sancte Pater”. L-ewwel waħda ta’ Mro Joseph Galea u t-tieni waħda ta’ Mro Ferdinando Camilleri. Dawn ġew adattati għall-banda minn Mro Lesley Tabone. Kantat is-soprano Gabrielle Portelli.
Indaqq imbgħad l-Innu Popolari lil San Franġisk ta’ P. Rosso bis-sehem ukoll mal-banda tas-soprano Gabrielle Portelli.
Wara saru preżentazzjonijiet mill-Soċjetà Filarmonika Sliema u mill-Kummissjoni Festi Parroċċa Santwarju Madonna tas-Sacro Cuorl il Rev P. Pawl Galea ofm fl-okkażjoni ta’ għeluq il-50 Sena Saċerdozju.
ll-Kappillan Rev P. Martin Coleiro ofm għamel ukoll preżentazzjoni ta’ Salib tal-Fidda lill-President tas-Soċjetà fl-okkażjoni tat-800 Sena Anniversarju mill-mewt ta’ San Franġisk u messaġġ tal-okkażjoni.
Messaġġ tal-okkażjoni sar ukoll mill-Provinċjal tal-Franġiskani, il-Wisq Rev. Patri Ramon Farrugia OFM u wara għamel messaġġ ta’ għeluq is-serata il-President tas-Soċjetà, is-Sur Jesmond Vella.
Il-Programm ġie fi tmiemu bl-Inno “Sliema” ta’ Mro Cardenio Botti.
Ritratti – Daniel Scicluna