16/06/2026
🙏 Grazzi mill-qalb lil kulħadd !
Wara ġimgħat twal ta' preparazzjoni u jiem mimlija devozzjoni u għaqda, il-Festa tal-Madonna ta' Fatima 2026 issa saret memorja sabiħa oħra fil-qlub tagħna.
Il-Kummissjoni Festa Madonna ta' Fatima tixtieq tirringrazzja minn qalbha lil kull min b'xi mod jew ieħor ta sehmu biex din il-festa tkun suċċess. Grazzi lill-voluntiera kollha, lill-benefatturi, lill-awtoritajiet, lill-għaqdiet kollha tal-lokal, lill-baned, lill-artisti, lill-isponsors u lill-poplu kollu li attenda u pparteċipa fiċ-ċelebrazzjonijiet.
Ringrazzjament speċjali jmur lill-Kappillan tagħna P. Joseph Zahra, għall-ħidma pastorali tiegħu, għall-appoġġ kontinwu li jagħti lill-festa u għad-dedikazzjoni tiegħu lejn il-komunità tagħna.
Nirringrazzjaw ukoll lil dawk il-persuni li matul is-sena kollha jaħdmu fis-skiet, ħafna drabi mingħajr ma jidhru, iżda li bl-impenn, il-ħin u s-sagrifiċċju tagħhom jagħmlu din il-festa possibbli.
Fuq kollox, nirringrazzjaw lill-Madonna ta' Fatima li għal sena oħra ġabritna flimkien taħt il-ħarsien tagħha u ppermettietilna niċċelebraw festa oħra ad unur tagħha.
Nitolbuha biex tkompli tbierek lill-komunità tagħna u lill-familji tagħna.
💙 Grazzi lil kulħadd talli kontu parti minn din il-festa.