L-Għaqda Storika Kulturali Marsa ġiet imwaqqfa fl-2001 mill-fundaturi Michael Saliba u Walter Glynn. L-iskop aħħari tagħhom kien u għadu li fil-Marsa tinbet għaqda li tibda tieħu interess bis-serjeta fl-istorja, il-kultura u l-ambjent tal-Marsa. Kien għalhekk li dawn iffurmaw statut u kumitat li ilu għaddej għal dawn is-snin kollha, jaħdem u jistinka biex iġib l-istorja tal-Marsa, niesha u ġrajj
ietha 'l quddiem. Fis-sena 2012 l-Għaqda ħtiegilha li tkun miżmuma bħalha NGO sabiex tkompli, kif ukoll tkun rikonoxxuta, f'ħidmitha. L-iskop tal-Għaqda hu li torganiżża taħdidiet fuq temi differenti fosthom l-istorja tal-Marsa u anki ta' Malta, torganiżża ħarġiet edukattivi u kulturali, kif ukoll tindif u ħarsien ta' żoni storiċi madwar il-Marsa. L-Għaqda tiġbor ukoll rakkonti u ġrajjiet mingħand anzjani Marsin sabiex iż-żgħażagħ tal-ġejjieni jkunu jafu ħajjiet l-imgħoddi. Jinġabru wkoll dokumenti ta' storja u ritratti konnessi mal-Marsa, kif ukoll kull materjal mis-Soċjetajiet u l-Għaqdiet kollha tal-Marsa, biex dawn ikunu parti minn arkivju li qed jinbena għal benefiċju tal-Marsin tal-ġejjieni. Għandna ħafna ħolm sabiħ jistenniena, u nemmnu li dan jista' jsir realtà. Nemmnu wkoll li wara li l-Marsa għaddiet minn trawma tal-progress li seħħ matul is-snin, peress li l-ekonomija ta' pajjiżna użat id-daħliet tal-Marsa bħala port u żoni industrijali, ftit li xejn ingħata każ tal-wirt storiku Marsi (bħal fdalijiet ta' żmien ir-Rumani u l-Feniċi) il-Marsa spiċċat raħal fejn il-patrimonju arkeoloġiku ġie minsi u midfun. Nixtiequ li il-ftit wirt li fadlilna narawh ġo post wieħed, ġabra ta' storja f'mużew ddedikat lill-istorja tal-Marsa.