21/09/2026
Referenza dwar il-Ftehim Settorjali u l-proposti tal-POU
Huwa importanti li jiġi ċċarat li l-Police Officers’ Union (POU), flimkien mal-Malta Police Union (MPU) biss jirraprezentaw lill-membri tal-Korp tal-Pulizija kemm fin-negozjati dwar il-kundizzjonijiet tas-servizz tagħhom kif ukoll f'kull sitwazzjoni li tista tinqala.
Madankollu, nixtiequ nagħmlu distinzjoni ċara bejn dak li kien parti mill-Ftehim Settorjali u dawk il-miżuri li kienu proposti oriġinarjament mill-POU lill-Gvern.
Iż-żieda minn 23% għal 29% fil-benefiċċju relatat mal-pensjoni għall-uffiċjali li jibqgħu fil-Korp wara 29 sena ta’ servizz, kif ukoll l-estensjoni minn 4 snin għal 6 snin tal-perjodu li fih jingħata l-benefiċċju annwali eżenti mit-taxxa, ma kinux miżuri li oriġinaw mill-Ftehim Settorjali. Dawn kienu proposti mill-POU lill-Gvern qabel l-elezzjoni ġenerali, u sussegwentement ġew inklużi fil-programm elettorali tal-Partit Laburista. Il-POU kienet ukoll għamlitha ċara pubblikament li dawn il-proposti kienu oriġinaw minnha.
Ta’ min jirreferi wkoll għad-diskussjonijiet li saru bejn il-POU u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, fejn il-POU kienet ipproponiet li l-benefiċċju ta’ 23%, kif kien dak iż-żmien, ma jingħatax kollu f’daqqa biss wara d-29 sena, iżda jkun jista’ jinqasam gradwalment matul is-snin bejn il-25 u d-29 sena ta’ servizz, sabiex uffiċjal ikollu l-għażla li jibda jibbenefika minnu progressivament u b’hekk ikollu inċentiv ċar biex ikompli fis-servizz.
Għaldaqstant, huwa xieraq li, meta ssir referenza għal dawn il-miżuri u għall-implimentazzjoni tagħhom, jiġi rikonoxxut b’mod ċar il-kontribut, l-inizjattiva u l-ħidma tal-POU, li ressqet dawn il-proposti lill-Gvern u baqgħet tinsisti fuqhom.
Fl-istess waqt, il-POU se tkompli taħdem sabiex il-proposti l-oħra li ressqet jiġu kkunsidrati u, fejn ikun possibbli, implimentati fl-interess tal-uffiċjali tal-Pulizija u tal-familji tagħhom.
Fost dawn hemm numru ta’ proposti intiżi biex ikomplu jtejbu l-kundizzjonijiet, il-protezzjoni u s-sigurtà tal-uffiċjali tal-Korp, bhal :
l-introduzzjoni ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għall-uffiċjali tal-Korp;
assigurazzjoni għall-oġġetti personali tal-uffiċjali li jistgħu jġarrbu ħsarat waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħhom;
titjib fil-kundizzjonijiet għall-Part-Timers / Reserved Police Constables (R.P.C.);
emenda fil-liġi dwar il-pensjoni f’każ fejn uffiċjal jitkeċċa mill-Korp wara li jkun wettaq aktar minn 25 sena ta’ servizz, sabiex id-dritt għall-pensjoni jiġi kkunsidrat fuq is-servizz effettiv kollu mwettaq sal-mument tat-tkeċċija, u mhux il-kalkolu tal-pensjoni jerġa’ jiġi limitat għall-perjodu meta l-uffiċjal ikun laħaq il-25 sena ta’ servizz;
kif ukoll numru ta’ proposti oħra li l-POU ressqet bil-għan li tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-membri tal-Korp.
Il-POU tibqa’ impenjata li tkompli tinsisti fuq dawn il-proposti u li żżomm il-ħidma tagħha ffukata fuq kundizzjonijiet aktar ġusti, protezzjoni akbar u rikonoxximent xieraq għas-servizz li jagħtu l-uffiċjali tal-Pulizija lill-pajjiż.