10/06/2026
STQARRIJA UFFIĊJALI – GĦAQDA PIROTEKNIKA 10 TA’ AWWISSU BIRGU
Ninsabu eżattament xahrejn ’il bogħod mill-Festa Titulari ta’ San Lawrenz. Għaldaqstant inħossu li għandna ninfurmaw lill-partitarji Palmizi, li fl-aħħar mill-aħħar huma s-sinsla tal-Festa Titulari Vittorjosana, bl-iżviluppi li seħħew fl-aħħar jiem.
Kif jaf kulħadd, nhar it-Tnejn 1 ta’ Ġunju, seħħ inċident kbir u sfortunat fil-kamra tan-nar tal-Madonna ta’ Lourdes. Qabel kollox, nesprimu s-solidarjetà sħiħa tagħna mal-pirotekniċi u ma’ dawk kollha involuti f’dan l-inċident sfortunat. Il-pirotekniċi kollha li ħadmu f’din il-kamra tan-nar għamlu sagrifiċċji kbar sabiex jagħtu gost lilna lkoll matul l-istaġun tal-festi li issa nistgħu ngħidu li beda. F’din il-kamra tan-nar kien hemm diversi pirotekniċi li bdew jaħdmu fuq diversi festi, fosthom ukoll għall-Festa tagħna.
Sfortunatament, l-Għaqda u l-Festa tagħna ġew affettwati direttament minn dan l-inċident, minħabba l-fatt li fl-istess kamra pirotekniċi bravi kienu qed jaħdmu fuq il-kaxxa tal-ħruġ tagħna kollha kemm hi, flimkien mal-akkumpanjament kollu relatat ma’ dan l-ispettaklu li noħolqu kull 10 ta’ Awwissu mal-ħruġ tal-Istatwa Titulari ta’ San Lawrenz. Dan ifisser li mal-isplużjoni li seħħet, sfortunatament spiċċajna mingħajr il-kaxxa tal-ħruġ.
Malli sirna nafu b’dan l-inċident, bdejna minnufih kuntatti ma’ pirotekniċi oħra sabiex naraw il-possibbiltà li nissostitwixxu dak li tlifna. Kif tistgħu timmaġinaw, kien hemm numru ta’ festi oħra li wkoll ġew affettwati, u għalhekk l-għażliet disponibbli kienu limitati ħafna.
Minħabba f’hekk, kif kien mistenni, l-ispejjeż żdiedu b’mod sostanzjali. Minkejja dan, se nibqgħu naħdmu u nagħmlu dak kollu possibbli sabiex, bħal dejjem, fi żmien xahrejn oħra nkunu nistgħu nagħtu tislima xierqa lill-Patrun tagħna San Lawrenz.
Permezz ta’ din il-kitba, filwaqt li nirringrazzjawkom tas-sapport kontinwu tagħkom, nappellaw lil kulħadd sabiex f’dawn ix-xahrejn li ġejjin ikun ta’ spalla għalina. Kull għajnuna tgħodd, kemm permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja kif ukoll bis-sapport tagħkom fl-attivitajiet li se nkunu qed norganizzaw matul din l-aħħar qadfa lejn il-Festa 2026.
VIVA SAN LAWRENZ TA’ QALBNA - PATRUN TAL-BELT REBBIEĦA