12/09/2025
PELLEGRINI TAT-TAMA FIL-ĠUBLEW 2025
Hekk kif l-esperjenza missjunarja tagħna waslet fi tmiema u bħalissa qegħdin ingawdu l-aħħar ftit sigħat ta’ vaganza qabel naqbdu triqitna lura lejn Malta, naqsmu magħkom l-aħħar ftit ħsibijiet qabel naqbdu triqitna lura lejn Malta.
🇵🇪 Il-Perù: xi ġmiel! Dan il-pajjiż b’art kbira huwa inkredibbli, mimli storja, ġid naturali u xenarji li ma jispiċċaw qatt. Pajjiż b’ħafna potenzjal imma wkoll b’ħafna diffikultajiet ġeografiċi li jwasslu għal nuqqasijiet bażiċi fundamentali. Kien t’ispirazzjoni għalina naraw ħajja kompletament differenti milli nafu biha f’pajjiżna, f’għoli u altitudni li mhux faċli nimmaġinaw. Rajna s-sabiħ fil-veduti u x-xeni naturali imma rajna s-sabiħ ukoll fil-mod ta’ kif familji rnexxielhom joħolqu l-għixien tagħhom mill-ftit li offritilom il-ħajja. Smajna stejjer ta’ ħafna nies li batew u għaddew minn diffikultajiet f’ħajjithom, diffikultajiet li għalina forsi lanqas biss jeżistu għax għandna l-faċilitajiet u l-kumditajiet. Imbagħad hemm tbatijiet oħrajn li jolqtuk għax sempliċiment uman, irrelevanti jekk hux fqir jew sinjur: il-firda, il-mewt u l-mard. Fost dan kollhu, evidenti ħafna f’dan il-poplu, l-fiduċja f’Alla - il-kuraġġ u t-tama għal ġejjieni aħjar.
Il-missjoni tagħna:
Il-missjunarji ma jbiddlux id-dinja kollha - imma jbiddlu d-dinja żgħira ta’ madwarhom. Tagħmel x’tagħmel f’ġimgħatejn missjoni, ser titlaq u tħoss li m’għamilt xejn. Li l-istess problemi li tkun rajt fil-bidu ikunu l-istess li ħallejt warajk. Il-problemi u d-diffikultajiet tal-popli u komunitajiet ma jissolvewx minn grupp ta missjunarji. Biss, ikun żball kbir li tkejjel is-suċċess tal-missjoni minn kemm tagħmel u kemm tara riżultat. Fl-ewwel jiem tagħna fil-Perù, smajna u tgħallimna din: Il-punt tal-missjoni m’huwiex li tagħmel kollox - imma li tagħti kollox. Li bniedem jagħti kollox; jiġifieri ħinu, flusu, l-enerġija u l-imħabba tiegħu, għall-missjoni u għal dawk li qiegħed jgħin, huwa l-akbar suċċess missjunarju li tista tikseb.
U minkejja dan kollhu - tagħti kemm tagħti fil-missjoni; l-ikbar impatt ikun fuqek, għax il-missjoni ttik ħafna aktar lura.
Jekk innutajna ħaġa minn din l-esperjenza, hu li l-ħidma tal-Knisja u tal-missjunarji fi ħdanha hu wieħed inkredibbli. Jeżisti kullimkien, f’kull kantuniera, u ma jidher imkien fl-għajn pubblika. Knisja li qiegħda fost il-batut, dawk li jsofru l-inġustizzji jew fost dawk li għal raġuni jew oħra, huma minsijin - mill-familji, mill-komunita, jew mill-istituzzjonijiet. U l-preżenza tal-missjunarji fost dawn in-nies ma teżistix biex tbiddel il-ħajjiet, imma li tagħti t-tama, tkun preżenti, tferraħ, u tgħin lil ħutna bnedmin iħarsu lejn il-ġejjieni bi ftit aktar pożittivita. Li tgħin lil ħaddieħor ma jħossux minsi, li tiżra t-tama.
Kienu ġimgħatejn u nofs ta’ missjoni li taru f’ħakka t’għajn u li fihom tgħallimna mmens. Esperjenzi bħal dawn iħallu impatt u valur f’ħajjitna ż-żgħażagħ li nġorruhom matul ħajjitna kollha. Kuljum irrealizzajna xi ħaġa oħra li għallmitna, li għandna għalfejn nkunu grati lejha, jew li tressaqna aktar lejn Alla. Tista tgħid li din il-missjoni kienet magħna stess.
Ringrazzjamenti għandna ħafna! ❤️ L-akbar waħda, u qabel kollox, hija lejn Alla, li tana l-kuraġġ u grazzja li naslu s’hawn, inkunu xhieda tal-imħabba tiegħu u naqsmu s-sabiħ tagħna mal-oħrajn. Grazzi lil familjari tagħna li intom ukoll għamiltu dan il-vjaġġ magħna u wassaltuna s’hawn bil-kuraġġ tagħkom. Grazzi kbira lilkom li segwejtu l-vjaġġ tagħna, kemm waqt il-preparamenti f’Malta u fil-vjaġġ missjunarju tagħna; b’ringrazzjament ieħor mistħoqq għalikom tal-għajnuna finanzjarja biex stajna mmissu somma sabiħa t’aktar minn €36,000. Magħkom inżidu l-isponsors kollha li għenuna kemm b’għotjiet finanzjarji u anki b’oġġetti u għajnuna fl-attivitajiet tagħna. Grazzi lill-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ li għamlet din l-opportunita possibli, b’mod speċjali lil Fr. Albert Buhagiar u Fr. Mario Dimech, ko-ordinatur tal-grupp. Fl-aħħar, nirringrazzjaw minn qalbna lill-Isqof tal-Prelatura ta’ Huancane Mons. Giovanni Cefai flimkien mat-tim inkredibbli tiegħu li għamiltu biċ-ċert li nħossuna milqugħa daqs li kieku darna, b’ospitalita inkredibbli u ambjent mill-isbaħ li fforma l-bażi tal-missjoni tagħna. Fir-ritratti tant għal qalbna t’hawn taħt, il-grupp tagħna flimkien ma’ Mons. Cefai fl-aħħar quddiesa tiegħu magħna, u t-tim kollhu tiegħu fl-aħħar mumenti tagħna fi Huancané.
🫶🏼 GRAZZI PERÚ, GRAZZI HUANCANÉ, GRAZZI MONS. CEFAI - din l-esperjenza f’qalbna għal dejjem.
🇵🇪